top of page
Writer's pictureMichael Bugeja

KOFFEE MORNING FILGHAXIJA


kelma kelma nota nota koffee morning

Mela, biex nibda ma rbaħtx...la l-line u lanqas il-house! Ma jimpurtax, għax fuq kollox kemm jien, kif ukoll l-udjenza numeruża li attendiet din il-lejla fi Pjazz Teatru Rjal, ma morniex dan il-Koffee Morning għat-tombla, għalkemm ikolli nammetti li kienet mossa ħelwa u ferm f'lokha. Imsejjes fuq tema li żgur tinteressa lil kulħadd, ċioe 'Il-Mara', dan il-kunċert, it-tieni minn sensiela ta' tlieta li qed jittellgħu minn Kelma Kelma Nota Nota, Big Band Brothers u Ray Calleja, kien ħafna aktar minn ġabra divertenti ta' mużika u qari bil-Malti.

Ma setgħax jonqos li l-emfasi tkun fuq il-Malti. Il-Malti mhux biss bħala lsien pajjiżna, iżda wkoll mill-aspett ta' tradizzjoni u kultura, naturalment dejjem b'rabta mal-Mara. Fil-fatt minbarra li ġew interpretati siltiet mużikali abbinati mat-tema tal-lejla, bosta minnhom (inkluż waħda tal-Bamboċċu) fost l-akbar suċċessi lokali mill-passat, il-programm kien jinkludi qari li kien informattiv b'xi waqtiet umoristiċi, imwassla minn fuq il-palk b'dik in-naqra ta' tiżjina teatrali kif jaf joffri Ray Calleja, li apparti r-rwol ta' preżentatur u narratur kellu wkoll ikanta xi biċċtejn.

L-għażla ta' kanzunetti kienet imżewqa sew biex tirrifletti numru ta' suġġetti b'rabta mal-mara, spiss imwassla b'laqta komika u li tnissel tbissima fuq wiċċ kulħadd. L-aktar silta li spikkat għalija pero' żgur li kienet l-interpretazzjoni qawwiija ta' Sieħbi fil-cupboard tal-kċina li tat il-mistiedna speċjali Ira Losco, bil-messaġġ ikun imsaħħaħ ukoll permezz tal-ispjegazzjoni li ta Calleja ftit qabel dwar in-nisel tal-għanja ta' tfulitna Onġi Onġi Onġella.

Mument iehor speċjali kien waqt it-tislima xierqa lit-tlitt personalitajiet tat-teatru Malti, femminili naturalment, li huma Vitorin Galea, Gemma Portelli u Maryrose Bonello. Kien ukoll ta' pjaċir li wieħed jerġa' jisma l-vuċi ta' Charles Clews, anki jekk għal ftit vrus biss, waqt il-makkjetta In-Nisa, u għoġbitni ħafna l-ideja tal-preżenza kostanti fuq il-palk ta' Kunċett u Marinton, partikolarment il-messaġġ li dawn irnexxielhom iwasslu lill-udjenza lejn tmiem il-kunċert.

Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, hemm il-mużika, u l-mużiċisti tal-Big Band Brothers, li flimkien mal-vuċijiet ta' Daniel Cauchi, Ira Losco u Ray Calleja, offrewlna għażla ta' kanzunetti li kienu mhux biss divertenti, imma wkoll qanqlu ħafna memorji, kemm għax fakkruna fi żmien imbiegħed u forsi anki għaliex ftit għadhom jindaqqu mir-radjijiet lokali. Lejla ta' pjaċir tassew, u li jekk ħajjartkom b'li ktibt (dejjem jekk fadal biljetti) inħeġġiġkom ma titilfuhiex. Jekk ma ssibux biljetti, aħsbu kmieni għall-kunċert li jmiss, Kieku d-Dinja kienet Maltija, li se jittella' fil-25, 26 u 27 ta' Awwissu.

0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page